Malta 2013

Comenius Project Mobility ġewwa Malta minn għajnejn l-istudenti li pparteċipaw….

L-Ewwel Jum

It-Tlieta 11 ta’ Ġunju, 2013

Illum bdiet l-avventura tagħna bil-wasla tal-għalliema u l-istudenti mill-iskejjel ta’ De Weiheroff f’ Boxmeer l-Olanda, Carl Orf Schule f’Lingen il-Ġermanja, u ZS s MS Dostojevskeho f’Poprad Slovakkia. B’kollox ġew 17-il student u studenta u 9 għalliema. Wara li marru fil-lukanda, l-istudenti ngħaqdu ma’ grupp kbir ta’ studenti, għalliema u ġenituri mill-iskola tagħna u flimkien morna f’post popolari f’Malta biex lgħabna logħba bowling flimkien. Din għenet biex l-istudenti jsiru jafu iktar lil xulxin. Wara kollha mxejna u morna nieklu xi ħaġa flimkien.

It-Tieni Jum

L-Erbgħa 12 ta’ Ġunju, 2013

Il-mistednin tagħna waslu l-iskola tagħna kmieni filgħodu. Bosta mill-istudenti kienu qed joqogħdu f’host families u għalhekk ġew l-iskola mal-istudenti tal-iskola tagħna. Malli wasal kulħadd, l-iskola kollha nġabret biex l-imseħbin tal-proġett jiltaqgħu mal-istudenti u l-istaff kollu tal-iskola. Wara li kulħadd reġa’ mar fil-klassi, l-għalliema ltaqgħu mal-amministrazzjoni tal-iskola, u wara qattgħu ftit ħin iduru u jitkellmu mal-istudenti fil-klassijiet.  Aktar tard, l-istudenti tas-sitt sena kellhom lezzjoni speċjali mill-għalliema barranin dwar il-kummerċ  ġust u d-distribuzzjoni tal-ikel.

F’nofsinhar l-istudenti marru mal-familji li laqgħuhom biex jieklu. Tard fil-ġurnata l-istudenti kellhom attività dwar logħob tradizzjonali Malti fis-sala tal-iskola.

Fit-3.00pm kellna l-ewwel workshop dwar il-kummerċ  ġust fis-sala tal-iskola.

Wara dan il-workshop, l-istudenti marru lura fid-djar biex iqattgħu ftit ħin mal-host families tagħhom.

It-Tielet Jum

Il-Ħamis 13 ta’ Ġunju, 2013

L-istudenti flimkien mal-għalliema waslu l-iskola kmieni.  Iltqajna fis-sala tal-Iskola biex nipparteċipaw f’workshop ieħor marbut mas-suġġett Kummerċ Ġust u Distribuzzjoni tal-Ikel. Dan wassalna sa nofsinhar fejn imbagħad kulħadd mar lejn id-dar. Il-grupp ta’ studenti barranin flimkien mal-għalliema tagħhom u grupp żgħir ta’ studenti mill-iskola tagħna morna ftit sal-bajja sabiħa tal-Għadira. Wara ftit ħin ħdejn il-baħar erġajna lura lejn l-iskola biex nibdew inħejju għall-attività li kellna filgħaxija – International Evening.

Matul din l-attività, kellna Talent Show mit-tfal tal-iskola u anke mill-istudenti barranin u wara l-mistednin tal-iskola tagħna kellhom ċans iduqu ftit mill-ikel tradizzjonali Malti li l-ġenituri tat-tfal tal-iskola tagħna ħejjew. L-istudenti tagħna kellhom ċans iduqu ftit ikel tradizzjonali mill-pajjiżi tal-Ġermanja, Olanda u Slovakkia li l-mistednin ġabu magħhom. Kienet ġurnata mimlija u fl-aħħar tal-ġurnata kulħadd kien għajjien imma kuntent.

Ir-Raba’ Jum

Il-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju, 2013

Malli ltqajna filgħodu, bdejna l-ħidma tagħna b’workshop ieħor fejn fih ħejjejna l-proposti tagħna biex nippreżentawhom lill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat.

Fil-11:00am bdejna t-triq lejn Kastilja, bil-permess imdendel ma’ għonq kull min kien ser ikun preżenti għal-laqgħa f’Kastilja. Dħalna f’Kastilja u sibna gwida li dawwarna ftit mal-post u spjegalna ftit affarjiet interessanti dwar Auberge de Castille. F’nofsinhar il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat ħareg u ltaqa’  mal-grupp kollu, u flimkien ippreżentajna l-proposti li konna ħejjejna flimkien. Wara diskors qasir mill-Prim Ministru, inżilna fil-bitħa fejn l-istudenti ngħataw xi ħaġa x’ jieklu u jixorbu.

Wara l-grupp kollu mexa lejn ċinema 5D li hemm fil-Belt Valletta  fejn ra film interessanti ħafna dwar l-Istorja ta’ Malta. Kienet esperjenza indimentikabbli.

Wara li kulħadd reġa’ lura d-dar, filgħaxija kien imiss post ieħor interessanti –  L-Imdina. Inġbarna quddiem il-Bieb Prinċipali u sibna Gwida u Master of Ceremonies jistenniena flimkien mat-Torch Bearers illi dawwruna mal-postijiet interessanti fl-Imdina. Il-grupp ta’ għalliema u studenti baqgħu mistagħġba bil-ġmiel u l-istorja ta’ dan il-post. Dħalna f’wieħed mir-ristoranti u saħansitra ftit tal-ħin wara wasal ukoll il-Gran Mastru li f’kemm trodd salib għamilna lkoll Kavallieri.  Din kienet ġurnata oħra li żgur m’aħniex ser ninsew.

Il-Ħames Jum

Is-Sibt  16 ta’ Ġunju, 2013

Kmieni filgħodu l-grupp ta’ studenti u għalliema mill-iskejjel ta’ Boxmeer fl-Olanda u Lingen il-Ġermanja bdew il-vjaġġ tagħhom lura lejn il-pajjiżi tagħhom. Il-grupp minn Poprad kien fadallu jqatta’ nofstanhar ieħor f’Malta u  għalhekk ħsibna li Harbour Cruise madwar il-Port il-Kbir u l-inħawi kien ikun ideali biex isiru jafu aktar dwar Malta.

Wara l-Harbour Cruise, il-grupp mar jiekol f’restorant il-Belt u wara mar lura  l-lukanda biex iħejji għall-vjaġġ lura lejn l-Islovakkja.

Kienu ħamest ijiem impenjattivi  imma interessanti ħafna li żgur ser iħallu timbru fuqna l-istudenti.