Lingen Germany

It-Tlieta 9 t’April 2013

Iltqajna l-ajruport ta’ Malta filgħodu kmieni u qbadna t-Titjira tar-RyanAir lejn Eindhoven fl-Olanda.  Kif wasalna hemm iltqajna mal-grupp Olandiż immexxi minn Huub u Emmy.  Bdejna l-vjaġġ lejn Lingen fil-Ġermanja.  Għamilna waqfa qasira ftit qabel qsamna lejn in-naħa tal-Ġermanja.

Meta wasalna fil-Hostel Jugendeheberg morna fil-kmamar tagħna u wara ltqajna mal-grupp kollu tal-proġett.  Hermann dawwarna mal-post li jinsab mdawwar b’bosta siġar u għelieqi kbar immens.

Wara dħalna fil-hostel u sibna ikla ppreparata għalina.  Bdejna nagħmlu l-ewwel ħbiberija mal-istudenti u l-għalliema minn pajjiżi oħra.

l-Erbgħa 10 ta’April 2013

Filgħodu qomna u ħadna breakfast u rħejnilha lejn l-iskola  “Carl Orff Schule”.  Hemmhekk sibna l-għalliema u l-istudenti li laqgħuna b’kant u xi diskors qasir.

Wara t-tfal żaru l-klassijiet u l-għalliema kellhom l-ewwel laqgħa bejniethom.  Ħadna l-ikla ta’ nofsinhar fl-iskola stess.

Filgħaxija kellna An International Evening fejn kulħadd ipprepara xi biċċa muzika.  Tagħna kienu ‘Tal-Pastizzi’ u ‘Lanċa Ġejja u Oħra Sejra’ –  kemm kantaw magħna l-barranin!  Imbagħad kellna reception fejn doqna ħafna ikel mill-pajjiżi li qed jieħdu sehem.

Il-Ħamis 11 t’April 2013

Filgħodu qomna u erġajna ħadna l-breakfast bħas-soltu. Ipprovajna mmorru mixja kmieni kmieni imma kienet ix-xita u ma stajniex nimxu. Wara qbadna l-vjaġġ lejn post jismu Reholand fejn jinġabar u jintgħażel l-iskart.  Rajna store fejn jinbiegħu oġġetti użati.  Inqasmna f’żewġ gruppi u morna nżuru post fejn isir il-kompost u ieħor fejn l-iskart jiġi separat qabel ma’ jkun riċiklat.

Wara nofsinhar Hermann ħadna naraw iċ-ċentru tal-belt Lingen fejn rajna bini tipikament Ġermaniż.  Dorna mhux ħażin fit-toroq ta’ din il-belt u rajna ħafna affarijiet interessanti.  Imma t-tfal kienu ħerqana li jasal filgħaxija għax kienu qed jistennew li jmorru d-disco – u kemm żifnu u ħadu pjaċir hemmhekk mal-istudenti tal-pajjiżi l-oħra.

Il-Ġimgħa 12 t’April 2013

Illum qomna kmieni aktar mis-soltu u tlaqna għall-mixja fit-toroq ta’ madwar il-Hostel.  Għall-ewwel it-tfal ma tantx hadu pjaċir imma mbagħad x’ħin bdew jilgħabu u jaqbżu min-naħa għall-oħra ta’ gandott ma tawx każ tal-ħin għaddej.

Wara l-breakfast tlajna fil-coach li ħaditna lejn l-iskola Carl Orff Schule. Il-ġurnata tal-Ġimgħa kienet dedikata għall-preżentazzjonijiet mill-pajjiżi differenti.  L-iskola tagħna ħejjiet tliet preżentazzjonijiet:

  1. Preżentazzjoni dwar Malta
  2. Preżentazzjoni dwar Sta.Venera
  3. Preżentazzjoni dwar l-Iskola tagħna

Wara kien hemm ukoll ħin biex it-tfal jilagħbu mat-tfal l-oħra kemm tal-istess skola, kif ukoll tfal li kienu qed jipparteċipaw fil-proġett.  Imma l-aktar li ħadu gost żgur kien fil-playground u l-bandli mhux tas-soltu li kien hemm.

Wara l-ikla u ftit mistrieħ il-coach ħaditna lejn iċ-ċentru tal-belt Lingen u hemmhekk għaddejna aktar minn sagħtejn nesploraw it-toroq u l-ħwienet ta’ din il-belt.

Filgħaxija kellna barbeque fil-hostel.  U kellna sorpriża sabiħa għal waħda mill-istudenti mis-Slovakkja,  Slavka  li kellha l-birthday propju dakinhar.  Kulħadd awgurawlha għal għeluq sninha u rċeviet ukoll xi rigal mill-istudenti tagħna.  L-istudenti komplew  jieħdu gost billi qagħdu jilagħbu l-football għall-kumplament tal-ħin.

Is-Sibt 13 t’April 2013

L-aħħar ġurnata tal-vjaġġ tagħna bdiet kmieni kmieni, hekk kif mas-6:30am inżilna isfel biex nistennew il-breakfast.

Wara ltqajna għall-aħħar darba bħala grupp sħieħ ta’ Comenius biex insellmu lil xulxin u ħadna l-aħħar ritratti.

Tlajna fil-coach li ġiet għalina u bdejna l-vjaġġ tagħna lejn l-ajruport ta’ Dusseldorf.  Tlajna abbord l-ajruplan tal-Air Malta u l-cabin crew ħadu ħsiebna sew.

Fl-ajruport ta’ Malta sibna l-ġenituri jistennew b’ħerqa l-wasla tagħna.  Hekk kif it-tfal iltaqgħu mal-ġenituri tagħhom tgħidx kemm tgħannqu  bil-ferħ u mill-ewwel bdew jirrakkontaw dak kollu li għaddew minnu matul il-mawra tagħna fl-Olanda u l-Ġermanja