Boxmeer Holland

Proġett Comenius

L-iskola tagħna ser tipparteċipa fi  Proġett Comenius bl-isem ta’ People Planet Profit flimkien ma’ tliet skejjel oħra – Basischool De Weihroff – skola fl-Olanda,  u   Carl-Orff Schule skola fil-Germanja. Dan il-proġett ser jiffoka fuq temi marbuta mal-ħarsien tal-ambjent u ser ikun għal perjodu ta’ sentejn. Fost ħafna proġetti komuni , xi tfal tal-iskola ser ikunu jistgħu imorru f’dawn iż-żewg pajjiżi  biex iqattgħu ftit ġranet jgħixu ma’ familja minn dawn il-pajjiżi. L-ewwel esperjenza ser tkun fl-Olanda u sitt itfal – Maya Galea, Maya Buhagiar, Michela Debattista, Owen Perry, Liam Hudson u Jake Degabriele ser iqattgħu ħamest ijiem flimkien ma’ Mr Riolo u Ms Calaiò f’Boxmeer l-Olanda. Hemmhekk ser iqattgħu xi jiem jattendu l-iskola Primarja hemmhekk u jżuru bosta postijiet interessanti. Aħna ċerti li ser tkun esperjenza pożittiva li ma jinsewha qatt.

Logo

L-ewwel biċċa xogħol illi l-istudenti kellhom bħala parti mill-Proġett Comenius kienet illi joħolqu Logo għall-dan il-proġett. It-tfal ħadmu madwar l-isem tal-proġett – People – Planet  – Profit u madwar l-idea tat-tliet pajjizi  illi qed jipparteċipaw – Malta, l-Olanda u l-Ġermanja u ħolqu bosta Logos interessanti. Dawn il-logos issa ser niħduhom magħna l-Olanda biex nagħżlu Logo wieħed minn fost il-Logos kollha li ser jiġu ppreżentati.

Logo rebbieħ

F’serata interessanti fl-Olanda, il-ġenituri preżenti  ivvutaw għall-isbaħ logo. Intagħżel Logo mpinġi minn Demi – tifla Olandiża. Dan il-Logo issa ser jidher f’kull attività jew korrispondenza marbuta mal-Proġett Comenius.

Boxmeer

Sitt studenti flimkien ma’ Mr Riolo u Ms Calaiò marru sitt ijiem ġewwa Boxmeer –  raħal fl-Olanda bħala parti mill-Proġett  Comenius. Kienu ħamest ijiem sbieħ mimlija attivitajiet interessanti.

L-ewwel ġurnata  9 t’Ottubru 2012

Malli wasalna l-iskola  sibna lill-familji jistennewna. L-istudenti tagħna marru magħhom mill-ewwel sabiex ipoġġu l-affarijiet f’posthom. Wara ġew l-iskola fejn wara li dorna ftit l-iskola tagħhom, morna fis-sala tal-Iskola fejn kull-skola ħejjiet xi ħaġa. L-istudenti tagħna żifnu ż-żifna tal-Maltija. Vera marru tajjeb. Tgħidx kemm ċapċpulhom. Wara t-tfal reġgħu marru mal-familji  filwaqt li Mr Riolo u Ms Calaiò iddiskutew il-proġett.

It-tieni Jum L-Erbgħa 10 t’Ottubru 2012

Malli wasalna l-iskola, l-istudenti kollha tal-iskola flimkien mal-istudenti tagħna inqasmu f’ħafna gruppi differenti u ipparteċipaw f’logħob differenti. Kienet ġurnata interessanti ħafna meta tara studenti minn pajjiżi differenti jiftiehmu u jilagħbu flimkien.

It-tielet jum il-Ħamis 11 t’Ottubru 2012

L-istudenti kollha tal-iskola erħewlha lejn raħal 10 kilometri ‘il bogħod bir-roti. L-istudenti tal-iskola tagħna marru permezz tat-trasport lejn Nimgen – biex inżuru post fejn jippurifikaw l-ilma. Kienet żjara informattiva ħafna.  Kif erġajna lura – Mr Riolo permezz tar-rota u aħna komdi komdi bit-trasport –  Mr Riolo u Ms Calaiò kellhom laqgħa oħra marbuta mal-proġett. Wara l-ikel, Mr Riolo u Mr Henck – għalliem mill-iskola tal-Ġermanja taw xi lezzjonijiet lilna l-istudenti u studenti oħra mill-Olanda u mill-Germanja. Kulħadd ħa pjaċir. Filgħaxija ġiet organizzata International Evening fejn kulħadd ġab xi ikel tradizzjonali mill-pajjiz tiegħu. L-ikel Malti ntogħġob ħafna u fuq stedina erġajna żfinna ż-żifna tagħna.

Ir-raba’ jum il-Ġimgħa  12 t’Ottubru 2012

L-istudenti tagħna flimkien ma’ għadd ġmielu ta’ studenti  morna Zoo Parc Overloon,  Zoo l-ġmiel tiegħu.

Is-Sibt 13 t’Ottubru

Kmieni filgħodu bdejna l-vjaġġ lura lejn Malta, għajjenin imma ferħanin bl-esperjenza interessanti illi kellna.